Donazzjoni ta’ €60,000 mill-Enemalta u mill-Enemed f’apparat speċjalizzat lill-Protezzjoni Ċivili

Reference Number: PR171836, Press Release Issue Date: Aug 04, 2017
 
Grazzi għal donazzjoni b’investiment ta’ 60,000 ewro li saret mill-Enemalta u mill-Enemed, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hu attrezzat b’apparat tan-nifs ġdid għall-ħaddiema li jaħdmu f’mini taħt l-art u fi spazji ristretti, ħabbru l-Ministri Michael Farrugia u Joe Mizzi fi preżentazzjoni tal-apparat waqt konferenza tal-aħbarijiet.

 

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia spjega li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ) issa hu attrezzat b’erba’ settijiet ta’long duration apparatus biex ikun jista’ jopera bl-aħjar apparat f’każ li jkun hemm bżonn ta’ operazzjonijiet li jirrikjedu ċertu tul ta’ ħin.

 

Wara li nirien kienu ħakmu cable tal-elettriku fil-mina tal-Kappara nħasset il-ħtieġa li l-ħaddiema tad-DPĊ ikunu mgħammra b’apparat tan-nifs li jagħtihom il-fakultà li jaħdmu għal ħin itwal minn standard breathing apparatus, qal il-Ministru Farrugia. Permezz ta’ dan l-apparat, il-ħaddiema tad-DPĊ għandhom il-kapaċità li jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom f’operazzjonijiet li jdumu iktar minn sagħtejn.

 

Il-Ministru Farrugia rringrazzja lill-kumpaniji Ememalta u Enemed li offrew li jixtru l-apparat kif ukoll taħriġ f’Milan lil ħames ħaddiema tad-DPĊ, b’somma li b’kollox telgħet għal €60,000. Il-pjan hu li dawn il-ħaddiema jgħaddu t-tagħrif miksub lilhom lill-kollegi tagħhom.

 

Il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li lejn l-aħħar tas-sena għandhom jaslu Malta żewġ vetturi oħra industrijali b’valur ta’ €850,000 u li huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija u apparat apposta għal żoni industrijali kbar. Dawn ħa jiżdiedu mal-vettura preżenti li hi stazzjonata fil-bini ta’ Delimara.

 

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li l-Enemalta tagħmel użu minn iktar minn 30 kilometru ta’ mini taħt l-art li fihom mijiet ta’ kilometri ta’ cables b’vultaġġ għoli, liema cables jiddistribwixxu l-elettriku mill-power station u mill-interconnector bejn Malta u l-Italja għall-main electricity network tal-pajjiż. L-Enemed ukoll topera network ta’ mini biex titrasferixxi fuels importanti f’Malta mill-Port il-Kbir u mill-Port ta’ Marsaxlokk, biex jinħażnu fil-faċilitajiet tagħha, u li uħud minnhom jinsabu taħt l-art.

 

Għaldaqstant, żied jgħid il-Ministru Mizzi, il-bżonn ta’ apparat bħal dan hu wieħed mill-miżuri identifikati miż-żewġ kumpaniji u mill-Protezzjoni Ċivili bħala parti minn proċess kontinwu biex pajjiżna jkun f’pożizzjoni aħjar li jilqa’ għal inċidenti u emerġenzi oħrajn. 

 

Miżuri oħrajn li diġà ġew implimentati jinkludu: sistemi ta’ early fire detection, sistemi ta’ sorveljanza, proċeduri operattivi rigorużi għal dawk il-ħaddiema li jidħlu fi spazji ristretti bħal dawn u interventi oħrajn indirizzati biex jitnaqqas ir-riskju li jibda jew jinfirex in-nar.

 

L-Enemalta, l-Enemed u l-Protezzjoni Ċivili huma involuti wkoll f’inizjattivi oħrajn ħalli jibqgħu jiżguraw u jtejbu l-pożizzjoni ta’ pajjżna biex jilqa’ għal sitwazzjonijiet f’siti bħal dawn.

 

Għall-preżentazzjoni saru interventi mid-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila, miċ-Chairman tal-Enemalta Frederick Azzopardi u miċ-Chairmantal-Enemed Kevin Chircop.

 

Ritratti (PR171836a,b): MEW/MHAS