Il-prezz tal-LPG se jibqa’ stabbli għal sena sħiħa

Reference Number: PR180022, Press Release Issue Date: Jan 08, 2018
 

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi ħabbar li l-Gvern innegozja biex il-prezz ta’ ċilindru gass jibqa’ stabbli għal sena sħiħa għall-prezz ta’ €16.00.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li mill-aħħar reviżjoni tal-prezz tal-gass li kienet saret f’Awwissu li għadda, il-prezz internazzjonali tal-LPG żdied bi kważi 25% filwaqt li hawn Malta ż-żieda hija ta’ 3% biss.

Huwa qal li matul dawn l-aħħar ġimgħat, il-Gvern kien qed jaħdem biex ikun kapaċi jasal għal żieda li hija verament minima biex b’hekk ikompli mal-politika ta’ stabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija.

Huwa spjega li hekk kif il-prezz internazzjonali tal-gass LPG qed ikompli jiżdied internazzjonalment, f’Malta, il-prezz ta’ ċilindru gass ta’ 12kg se jinżamm stabbli għal prezz ta’ €16 għal sena sħiħa, inklużi x-xhur tax-xitwa meta l-familji jużaw l-aktar il-gass.  

Il-Ministru qal li l-Gvern se jkun qed jassigura wkoll li n-negozji, partikolarment dawk ta’ daqs żgħir u medju, ikollhom spejjeż stabbli biex b’hekk ikunu jistgħu jippjanaw aħjar.

Huwa fakkar li matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern wettaq rivoluzzjoni fil-qasam tal-enerġija biex ikomplu jgawdu l-konsumaturi u negozji. Hu fakkar ukoll li l-familji u n-negozji Maltin illum iħallsu rati orħos tad-dawl u l-ilma.

Ilum niġġeneraw l-elettriku minn sorsi aktar nodfa b’power station ġdida li taħdem bil-gass u b’konnessjoni mal-interconector. Temmejna l-użu f’pajjiżna tal-aktar żejt li jħammeġ, il-heavy fuel oil, u għalaqna l-power station l-antika tal-Marsa biex issa nistgħu nagħmlu riġenerazzjoni sħiħa tal-akwati”, temm jgħid il-Ministru.