Investiment ta’ aktar minn €100 miljun mill-WSC se jkun qed jiggarantixxi futur aħjar lill-ġenerazzjonijiet li jmiss

Reference Number: PR180348, Press Release Issue Date: Feb 19, 2018
 

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia ħabbru proġett ta’ skala kbira li se tembarka fuqu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fis-snin li ġejjin b’investiment ta’ aktar minn mitt miljun ewro, u li ammont sinifikanti minnhom ġej minn fondi Ewropej.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li dan hu proġett ta’ skala kbira b’investiment ta’ aktar minn €100 miljun li se jkun mifrux fl-operat kollu tal-Korporazzjoni - xogħol imfassal b’reqqa biex jiggarantixxi futur aħjar lill-ġenerazzjonijiet li jmiss. “Dan kollu jżid max-xogħol ġenerali tiegħi bħala Ministru għall-Enerġija u l-Ilma u l-konvinzjoni ta’ dan il-gvern li nkunu mexxejja f’dan is-settur. Għadd kbir ta’ proġetti se jwasslu għal infrastruttura dejjem iktar avvanzata li tirrifletti r-realtajiet tal-ġurnata u tantiċipa l-isfidi futuri”, żied il-Ministru.

Il-Ministru Mizzi spjega li l-proġett se jolqot numru kbir ta’ fatturi. L-ewwel wieħed hu l-protezzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma tal-pjan. Il-Korporazzjoni se tniedi wkoll proġett ieħor ta’ skala kbira biex titjieb l-effiċjenza u tittejjeb dejjem iktar il-kwalità tal-ilma. Il-Ministru ħabbar ukoll li se ssir ħidma biex tiġi żgurata provvista aktar sigura għall-gżira ta’ Għawdex fejn se ssir state-of-the-art reverse osmosis f’sit eżistenti tal-Korporazzjoni. Parti importanti oħra tal-proġett hi relatata mad-drenaġġ.

Il-Korporazzjoni se tifrex in-network tagħha filwaqt li se tirranġa żoni problematiċi li jbatu minn ħsarat repetittivi. Il-Ministru Joe Mizzi spjega li l-investiment fuq is-sistema ta’ new water se jkompli għaddej u se tkompli l-ħidma biex jitwassal l-ilma sekondarju ta’ kwalità eċċellenti f’aktar żoni.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li fil-qalba tiegħu l-proġett għandu l-għan li jindirizza sfida li qed iġib miegħu l-progress ta’ pajjiżna fejn jidħol il-konsum tal-ilma. Spjega li minn fondi Ewropej, dan il-proġett ġie allokat €92 miljun mill-fond ta’ Koeżjoni biex jiġi aċċertat li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti, b’ħarsa lejn il-kwalità tal-ilma, tasal għand il-familji Maltin filwaqt li jiġu mħarsa l-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Aaron Farrugia semma li l-ħidma bdiet fl-2014 meta fil-Partnership Agreement, mal-Kummissjoni Ewropea, ġie identifikat li l-ilma bħala riżorsa jeħtieġ interventi kbar. Dan wassal biex fil-Programm Operattiv tfasslu numru ta’ miżuri u ta’ proġetti biex jaċċertaw is-sigurtà tal-provvista tal-ilma minħabba n-nuqqas ta’ sorsi tal-ilma u d-densità tal-populazzjoni, it-titjib fil-kwalità tal-ilma u l-immaniġġjar sostenibbli kif ukoll it-taħlit ta’ riżorsi varji b’mira għal effiċjenza massima tal-użu tar-riżorsi.