Malta assigurat proviżjoni importanti biex proġetti tal-enerġija jingħataw prijorità

Reference Number: PR182748, Press Release Issue Date: Dec 19, 2018
 
Malta assigurat proviżjoni importanti ħafna biex jingħataw prijorità dawk il-proġetti tal-enerġija li jgħinu pajjiżi biex ma jibqgħux iżolati mis-sistema tal-Unjoni Ewropea. Din hija aħbar tajba għall-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija u l-pass li jmiss huwa li dan il-qbil jiġi nnegozjat mal-Parlament Ewropew waqt il-Presidenza Rumena li se tibda f’Jannar li ġej.
 
Dan ħareġ fi tmiem il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija li saret aktar kmieni llum fi Brussell, fejn ġew diskussi diversi temi, primarjament l-istrateġija 2050 li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea ftit ġimghat ilu dwar l-emissjonijiet, b’mod partikolari fis-settur tal-Enerġija. 
 
F’kumment fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li l-għan huwa li jinstabu metodi differenti biex inkomplu nersqu iktar viċin ta ‘low carbon economy’, fejn l-impatt primarju jkun is-saħħa taċ-ċittadini u t-tnaqqis ta tniġġis fl-arja. Huwa qal li ġew diskussi wkoll l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi ġirien u solidarjetà fejn tidħol provvista tal-enerġija, b’mod partikolari dik tal-gass naturali. 
 
Waqt intervent matul il-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministru Joe Mizzi qal li bħalissa, Malta qiegħda taħdem fuq pjan ħolistiku ta’ dekarbonizzazzjoni u qiegħda tfassal l-istrateġija ta Żvilupp Baxx tal-Karbonju’ (Low Carbon Development Strategy). Din l-istrateġija titlob biex jkun hemm dekarbonizzazzjoni f’setturi kollha ekonomiċi, bil-għan li jistabbilixxu l-konsum u l-produzzjoni, filwaqt li fil-proċess jitnaqqsu l-emissjonijiet.
 
Bl-istess mod, aħna wkoll nikkunsidraw li l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima huwa pilastru importanti fl-ambitu tal-istrateġija tad-dekarbonizzazzjoni. Fir-rigward tad-draft plan, Malta fasslet numru ta’ xenarji li jikkunsidraw miżuri skont il-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, li jikkontribwixxu għall-miri tal-Unjoni Ewropea għall-2030. Tul is-sena li ġejja hemm ippjanat aktar xogħol biex inkunu nistgħu nissottomettu l-verżjoni finali tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima sa Diċembru 2019.
Il-politika tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea għandha tkompli tiffoka fuq li jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli fis-suq biex tippromwovi l-enerġija rinovabbli u sorsi oħra ta’ enerġija aktar nadifa bħal gas naturali. Ġaladarba jkun hemm qafas regolatorju li huwa stabbli, dan iservi sabiex jinkuraġġixxi lill-investituri privati sabiex ukoll jagħtu sehemhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija.
L-Unjoni Ewropea għandha tkompli tippromwovi u tagħti l-appoġġ lill-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, riċerka, u teknoloġiji relatati mal-enerġija rinnovabbli u dawk tal-effiċjenza.