Iffirmat memorandum of understanding ma’ Shanghai Electric Power

Reference Number: PR190885, Press Release Issue Date: Apr 26, 2019
 
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi, matul iż-żjara li bħalissa qed jagħmel fiċ-Ċina, iffirma memorandum of understanding ma’ Wang Huaming, li huwa l-General Manager ta’ Shanghai Electric Power, ftehim li għandu jkabbar il-koperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina fir-riċerka fis-setturi tal-ilma u l-enerġija.
 
Permezz ta’ dan il-ftehim, se tiġi ffaċilitata riċerka konġunta bejn entitajiet Maltin u Shanghai Electric Power, fl-iżvilupp tateknoloġiji innovattivi bħal sistemi intelliġenti tad-distribuzzjoni tal-enerġija (smart grids), produzzjoni ta’ enerġija alternattiva, u teknoloġiji ta produzzjoni u immaniġġjar tal-ilma. 
 
Il-Ministru Mizzi qal li permezz ta’ din il-koperazzjoni se nkomplu niżguraw li fl-oqsma tal-ilma u enerġija, pajjiżna jibqa fuq quddiem fl-użu ta’ teknoloġiji avvanzati li jiżguraw effiċjenza u sostenibilità.
 
Matul iż-żjara tiegħu fiċ-Ċina, il-Ministru Joe Mizzi indirizza ċ-ċerimonja inawgurali tal-Belt and Road Energy Partnership.