Proġett ambjentali fejn se jgawdu familji li qatt ma kellhom aċċess għas-sistema tad-drenaġġ

Reference Number: PR190984, Press Release Issue Date: May 09, 2019
 
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi ħabbar proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li permezz tiegħu familji li jgħixu fi tliet żoni remoti fir-Rabat, għall-ewwel darba wara għexieren ta’ snin, se jkollhom aċċess għas-sistema tad-drenaġġ tal-Gvern.

Wara snin twal ta’ inkonvenjent, fejn ir-residenti kellhom jagħmlu użu ta’ fosos privati bil-problemi kollha li ġġib magħha
dik li timtela wara għaxart ijiem, tiġġenera ħafna traffiku ta’ bowsers, irwejjaħ, ħela ta’ fuel, emissjonijiet fl-arja, u perkolazzjoni ta’ drenaġġ fl-ilma tal-pjanissa se tiġi mgħoddija sistema ġdida ta’ drenaġġ, l-istess bħalma sar fil-Baħrija taħt Gvern Laburista fl-ewwel leġiżlatura.
 
Permezz tal-proġett, id-drenaġġ ser jiġi ppumpjat minn sistema ġdida magħmula minn kważi 8 kilometri ta’ pajpijiet u 3 stazzjonijiet tal-ippumpjar, iddisinjata speċifikament biex twassal dan id-drenaġġ iġġenerat minn madwar 300 persuna għal ta’ Barkat fejn ser jiġi trattat u mdawwar f’ilma ġdid għall-użu ta’ tisqija u industrija oħra. Bejn il-pumping stations se jgħaddi wkoll fibre optic communication system biex il-Korporazzjoni tassigura li l-manteniment u l-operat ikun effiċjenti u effettivi kull ħin.
 
Il-Ministru Joe Mizzi ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed ambjentali li se jkun qed isir b’investiment ta’ madwar erba’ miljun ewro.
 
Il-proġett huwa maħsub li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ ħafna familji fl-akkwati tal-Landrijiet, is-Salvatur u Ġnien is-Sultan.
 
Il-Ministru fakkar li dan il-proġett huwa parti minn proġett akbar tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li jammonta għal xejn inqas minn 130 miljun li se jibdel il-mod ta’ kif is-servizz tal-ilma jasal għand il-konsumatur kif ukoll se jtejjeb il-kwalità tal-ilma tax-xorb.
 
Huwa qal li x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif toħroġ l-approvazzjoni mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba l-isfidi arkeoloġiċi kbar li hemm fl-akkwati. Ix-xogħol mistenni jdum madwar 90 ġimgħa biex jitlesta.