Allokati €50,000 fi proġett pilota għal sistemi ta’ ħażna tal-enerġija

Reference Number: PR201609, Press Release Issue Date: Aug 26, 2020
 

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej se jiftħu l-applikazzjonijiet għax-xiri ta’ sistemi għall-ħażna ta’ enerġija u dan grazzi għal skema li kienet imħabbra fil-baġit u li se tidħol fis-seħħ permezz ta’ proġett pilota b’allokazzjoni ta’ €50,000.

Din hija skema ġdida li se tkun qed tgħin lill-pajjiż fl-avvanz tiegħu fl-użu tal-enerġija rinovabbli b’mod sostenibbli, kif ukoll se tgħinu jersaq eqreb il-miri ambjentali Ewropej.

Il-Ministru Michael Farrugia, waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji dwar din l-iskema, qal li qiegħed isir avvanz ieħor fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali tal-gvern fis-settur tal-enerġija sabiex il-Gvern ikompli jiżgura s-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-affordabbiltà tal-enerġija f’Malta.

L-għan ta’ din l-iskema huwa li tiżdied il-ħażna tal-enerġija rinovabbli fis-settur domestiku. Għaldaqstant, dawn l-iskemi se jkomplu jgħinu biex Malta tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq sorsi ta’ enerġija konvenzjonali.

Din l-iskema pilota hija miftuħa għal min diġà għandu installazzjoni fotovoltajka installata skont ir-regolamenti tal-ippjanar, u l-installazzjoni fotovoltajka hija mqabbda mal-grid tal-Enemalta u m’għandux ikollha allokazzjoni attiva ta’ tariffa ‘feed-in’. Jekk l-installazzjoni fotovoltajka kienet allokata tariffa ‘feed-in’, il-perjodu garantit irid ikun skada.

Il-ministru żied jgħid li permezz ta’ din l-iskema, il-gvern se jkun qiegħed jirrifondi 25% tal-ispiża tat-tagħmir, sa massimu ta’ €1,000.

Il-Kap Eżekuttiv tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma Marjohn Abela qal li r-Regolatur se jkun qed jilqa’ u jipproċessa l-applikazzjonijiet minn nhar it-Tnejn li ġej minn fuq is-sit www.rews.org.mt.

Jekk id-domanda tal-pubbliku tkun għolja, il-gvern jerġa’ jiftaħ l-iskema s-sena d-dieħla biex tkopri firxa akbar ta’ persuni.

Il-ministru temm jgħid li dan il-pass se jgħin ukoll lil dawk il-familji li se jgawdu mill-għotja li tingħata taħt din l-iskema biex b’hekk ikomplu jraħħsu l-kontijiet tal-elettriku tagħhom.