Brexit: Appell biex negozji Maltin u Għawdxin iżommu kuntatt kontinwu mal-Gvern dwar appoġġ għan-negozji fl-ambitu ta’ Brexit

Reference Number: PR202608, Press Release Issue Date: Dec 16, 2020
​​
In-negozji Maltin u Għawdxin qed isibu spalla fil-gvern hekk kif Brexit qed jersaq aktar viċin. Filwaqt li l-gvern ilu għaddej bil-preparamenti, in-negozji Maltin iridu jkomplu jħejju ruħhom u jersqu ’l quddiem meta jiltaqgħu ma’ problemi ġodda b’riżultat tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Dan il-messaġġ twassal mill-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt webinar organizzat mill-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji. Din kienet opportunità biex in-negozji jistaqsu dwar il-preparamenti li jridu jsiru u jifhmu r-realtajiet ġodda li se ġġib magħha Brexit.

Waqt il-webinar, intqal li r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi trid tissaħħaħ u huwa fl-interess ta’ Malta li kumpaniji Ingliżi jew li għandhom preżenza qawwija fir-Renju Unit jersqu lejn Malta.

Il-Ministru Dalli qalet li, affaċjat bi Brexit, il-gvern dejjem ippjana bil-ħsieb li jnaqqas l-impatt għan-negozji u biex negozji Maltin jagħmlu użu tajjeb mill-opportunitajiet li jistgħu jiżviluppaw. Żiedet tgħid li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jitħabbar sit elettroniku apposta fejn se tingħata informazzjoni dwar Brexit u fejn se jkun jista’ jsir kuntatt mal-operaturi fin-niċeċ ekonomiċi differenti.

“Nappellalkom biex tużaw dik l-għajnuna prattika, imma wkoll għajnuniet li jeżistu f’forma ta’ inċentivi, inkluż dik tat-Tibdil u Trasformazzjoni fin-Negozji. Permezz ta’ din l-iskema, tistgħu tirċievu sa €5,000 fuq spejjeż ta’ konsulenti fuq in-negozju. Dawn l-inċentivi jistgħu jgħinukom taddattaw in-negozji tagħkom b’reazzjoni għal-bidliet li se jġib miegħu Brexit,” qalet il-Ministru Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi waqt din id-diskussjoni qal li l-liġijiet tal-UE ser jieqfu japplikaw għar-Renju Unit wara l-31 ta’ Diċembru 2020.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li bħala gvern saret ħidma sabiex id-dipartimenti u l-aġenziji jkunu preparati u jkunu jistgħu jgħinu n-negozji bl-aħjar mod possibbli. Huwa spjega li r-riżorsi amministrattivi żdiedu f’entitajiet bħad-Dwana, sabiex ilaħħqu mal-attività akbar li Brexit se ġġib magħha. Qed isiru korsijiet immirati lejn entitajiet kummerċjali biex huma jkunu mħejjija għas-sistemi l-ġodda. Irrefera wkoll għal tħejjijiet oħra li qed isiru minn Identity Malta biex jiġu rreġistrati residenti Ingliżi f’Malta, kif ukoll għall-ħidma li qed issir mill-Ministeru għas-Saħħa u mill-Awtorità tal-Mediċini rigward l-importazzjoni tal-mediċini, li 80% huma importati mir-Renju Unit.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs Abigail Mamo saħqet fuq l-importanza li n-negozji jkunu preparati għal meta Brexit iseħħ.

Kull min jixtieq aktar tagħrif għandu jżur is-sit www.brexit.gov.mt, li qed ikun aġġornat kontinwament b’avviżi u b’informazzjoni skont kif ikun meħtieġ. Qed tiġi offruta assistenza diretta liċ-ċittadini permezz tal-Brexit helpline fuq in-numru 153 u lin-negozji fuq il-BusinessFirst helpline fuq in-numru 144, kif ukoll permezz tal-posta elettronika fuq l-indirizz brexit@gov.mt, fejn qed jiġu mwieġba mistoqsijiet individwali u aktar speċifiċi.​