Seifert Systems tagħżel lil pajjiżna biex twettaq investiment ta’ €8 miljun u toħloq 100 impjieg ġdid ta’ kwalità

Seifert Systems tagħżel lil pajjiżna biex twettaq investiment ta’ €8 miljun u toħloq 100 impjieg ġdid ta’ kwalità

Reference Number: PR211940, Press Release Issue Date: Oct 25, 2021
 

Investiment ta’ €8 miljun mill-kumpanija internazzjonali Seifert Systems se jwassal biex mill-ġdid is-settur tal-manifattura f’pajjiżna jkompli jimbarka fuq trasformazzjoni diġitali li mhux biss tiġġenera prosperità ġdida, iżda toħloq kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Investiment li, filwaqt li se jwitti t-triq għal manifattura aktar sostenibbli, se jissarraf ukoll f’100 opportunità ta’ impjieg ġdid ta’ kwalità f’pajjiżna. 

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett jirrifletti preċiżament il-viżjoni ta’ dan il-gvern fil-qasam ambjentali u l-pajjiż li rridu nħallu għal uliedna. 

“Fil-ħidma politika tagħna stabbilixxejna miri ambizzjużi biex insiru soċjetà carbon-neutral sas-sena 2050. Għaldaqstant, nistgħu nilħqu din il-mira biss jekk kollettivament mas-settur privat nagħmlu l-bidliet meħtieġa u nbiddlu kif ngħixu u naħdmu.” 

Dr Abela nnota kif Seifert Systems għażlet li tagħmel din it-trasformazzjoni ambjentali f’pajjiżna mill-pajjiżi kollha li topera fihom bil-għan li tilħaq l-għanjiet ambizzjużi tagħha. 

“L-investiment ta’ €8 miljun li qed jitħabbar illum juri li din il-kisba tista’ tintlaħaq għaliex il-Gvern qiegħed kontinwament jinċentiva iżjed fabbriki u negozji jeqilbu l-mod ta’ kif joperaw. L-investiment ta’ Seifert Systems huwa xhieda ċara għala rridu nkomplu ninvestu fl-industriji tagħna.” 

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru rrefera wkoll għal dak li ġie ppreżentat fil-Budget 2022. 

“Huwa għalhekk li dak li ppreżentajna għas-sena li ġejja se jinvesti mill-ġdid fil-kumpaniji u jappoġġja t-twettiq ta’ aktar proġetti bħal dak li qed jitħabbar illum. Għalhekk, meta ngħinu lis-settur privat, fl-aħħar mill-aħħar qed ngħinu lil min iħaddem, lill-impjegati u lill-komunità li topera fiha.” 

Il-Prim Ministru nnota wkoll kif ir-riżors uman kien, għadu u se jibqa’ l-aqwa riżors li għandu dan il-pajjiż u għalhekk dan il-gvern se jkompli jinvesti fin-nies tiegħu. Infatti, fl-aħħar xhur, pajjiżna ġie kkonfermat bħala wieħed minn tliet pajjiżi Ewropej fejn ir-rata tal-impjiegi żdiedet u mhux naqset. 

Dr Abela temm jgħid li dan l-investiment jixraqlu l-fiduċja kollha tal-gvern u rrikonoxxa kif Seifert Systems hija xempju ta’ success għal pajjiżna, kumpanija li wriet reżiljenza u qed toħloq prosperità ġdida għal uliedna. 

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Seifert Systems, Michael Seifert, qal li sa mit-twaqqif tal-operat f’pajjiżna fl-1991, illum il-ġurnata l-kumpanija f’Malta tista’ titqies bħala l-ikbar waħda fi ħdan il-Grupp kollu. 

“L-istess negozju zgħir li beda missieri snin ilu, illum kiber għal kumpanija li qed toffri impjiegi ta’ kwalità għolja lil madwar 300 persuna,” qal is-Sur Seifert. 

F’dan il-kuntest huwa qal li jinsab kburi mmens bil-fatt li l-manifattura tal-prodott isseħħ mill-bidu sal-aħħar f’Malta, grazzi għall-abbiltajiet mill-aqwa li joffri dan is-settur. 

“Qegħdin kontinwament nesploraw kif se neradikaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent permezz tal-operat sostenibbli tagħna u kuntent inħabbar li Seifert Systems ġiet awditjata u ċċertifikata bħala faċilità ta’ manifattura carbon-neutral. 

Kburi ħafna li ksibna dan it-tragward speċjali hawn Malta, minn fost il-Grupp Seifert kollu. Entitajiet oħrajn fil-Ġermanja u pajjiżi oħra se jkunu qed isegwu fuq dawn il-miri li rnexxilna nilħqu,” qal is-Sur Seifert. 

“Permezz tal-binja l-ġdida tagħna se nkunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija, b’enfasi qawwi fuq l-eliminazzjoni ta’ proċessi ta’ ħela, li tagħmilna aktar effiċjenti fl-operat tagħna.” 

Is-Sur Seifert stqarr ukoll għaliex pajjiżna kien l-għażla naturali biex isseħħ din l-espansjoni infrastrutturali. 

“L-għażla kienet ibbażata mhux biss għall-flessibbiltà fl-operat tagħna, iżda wkoll għall-post strateġiku li għandha l-gżira Maltija u l-inċentivi finanzjarji offruti. Grati tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Malta Enterprise.” 

Il-Kap Eżekuttiv temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-appoġġ li wrew matul is-snin u rringrazzjahom talli kontinwament juru li jridu jimirħu, jikbru u jiżviluppaw professjonalment. 

Preżenti għat-tnedija tal-investiment kien hemm il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, u l-Ambaxxatur Ġermaniż għal Malta Walter Haßmann.