Waħda
mill-kumpaniji ewlenin fl-industrija tal-avjazzjoni, Ryanair, bi ftehim
mal-Gvern Malti se tiftaħ faċilità ġdida tal-manutenzjoni u tat-tiswija
tal-ajruplani, magħruf bħala MRO, f’pajjiżna. L-investiment ta’ €20 miljun, li
se jsir wara diversi xhur ta’ diskussjonijiet mal-entitajiet governattivi Malta
Enterprise u INDIS Malta, se jara l-ħolqien ta’ aktar minn 250 impjieg.
Dan l-investiment
tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja fil-preżenza
tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri,
il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, il-Kap
Eżekuttiv tar-Ryanair DAC Eddie Wilson, flimkien ma’ numru ta’ rappreżentanti
oħra tal-linja tal-ajru. Il-faċilità f’Ħal Luqa se tilqa’ l-ewwel ajruplani
f’one-bay hangar minn Ottubru li ġej, bil-fażi finali tiegħu tissarraf f’hangar
three-bay fejn jingħataw servizzi magħrufa bħala line and heavy maintenance fuq
tliet ajruplani f’daqqa.
Il-Prim Ministru
Robert Abela fisser dan l-investiment bħala pass ieħor importanti fl-istorja
tal-avjazzjoni f’pajjiżna. Qal li faċilità bħal din li tispeċjalizza
fit-tiswija tal-ajruplani se ssaħħaħ dan is-settur f’Malta, hekk kif din
il-faċilità tingħaqad ma’ oħrajn eżistenti fosthom dawk tal-Lufthansa Technik,
SRT Malta u Medavia.
“Dan
l-investiment se jara l-ħolqien ta’ 250 impjieg f’dan il-qasam, li se jwassal
għal tkabbir ta’ 25% fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna”, saħaq il-Prim Ministru.
Hawnhekk tenna l-impenn tal-gvern li jara li l-istituzzjonijiet edukattivi u
dawk speċjalizzati jħarrġu lill-ħaddiema f’din l-industrija. Qal li programmi
ta’ titjib tal-ħiliet tekniċi se jkunu qed isiru lill-ħaddiema fl-industrija
biex jiġu indirizzati skills gaps f’din l-industrija. Temm jgħid li Malta qed
issir ċentru tal-eċċellenza fl-avjazzjoni u għalhekk jeħtieġ li nkomplu nibnu
l-industrija b’mod sostenibbli f’dan il-perjodu ta’ tkabbir.
Il-Ministru
Silvio Schembri awgura lil Ryanair għal dan l-investiment multimiljunarju u
rringrazzja lil Malta Enterprise tal-appoġġ u lil INDIS Malta li se talloka art
lil Ryanair b’total ta’ 7,500 metru kwadru għall-ewwel fażi ta’ dan il-proġett.
“Dan huwa biss wieħed
mill-proġett li INDIS qed taħdem fuqhom fil-qasam tal-avjazzjoni. Fil-fatt, qed
isir ukoll xogħol fuq Taxiway Lim, kif ukoll għaddejjin taħditiet fuq l-Airport
Zone Strategy Plan li se jara l-medda ta’ art madwar l-ajruport, li llum tista’
tgħid li mhix tintuża, isir użu aħjar minnha biex inkomplu nibnu fuq settur
tal-avjazzjoni aktar b’saħħtu,” qal il-Ministru Schembri.
Il-Ministru
Miriam Dalli sostniet li llum huwa jum mill-aktar sinjifikanti hekk kif waħda
mill-aktar kumpaniji b’saħħithom fil-qasam tal-avjazzjoni globali qed tagħti
l-fiduċja tagħha f’Malta u tinvesti f’pajjiżna. “Dan ma kienx ikun possibbli
mingħajr il-viżjoni b’saħħitha tal-Gvern Malti u l-appoġġ ta’ Malta Enterprise.
Dan huwa proġett ieħor li juri l-fiduċja li għandhom investituri barranin
f’Malta bħala pajjiż li jattira kumpaniji ta’ kwalità li jiġu joperaw, jinvestu
u jkomplu jikbru f’pajjiżna”, qalet il-Ministru Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’
Ryanair DAC Eddie Wilson qal li, “Bħala waħda mill-akbar linji tal-ajru li
toffri servizz lil Malta, Ryanair hija onorata li qed tiftaħ ċentru ġdid ta’
manutenzjoni f’dan il-pajjiż. Ryanair qed toħloq opportunitajiet għal impjiegi
ta’ inġinerija b’ħiliet għolja”. Saħaq li dan l-investiment ikompli jsaħħaħ
l-impenn ta’ Ryanair biex jintlaħqu l-ogħla standards ta’ operazzjoni u ta’
manutenzjoni fis-settur tal-avjazzjoni. Barra minn hekk, l-investiment se
jsaħħaħ aktar l-impenn ta’ Ryanair lejn Malta, saħaq is-Sur Wilson. Dan meta
fl-istess waqt Ryanair qed toffri rekord ta’ 62 rotta dan is-sajf li se
jixprunaw l-irkupru turistiku ta’ Malta wara l-pandemija.